Aqbeż għall-kontentut

Sit Arkeoloġiku ta’ Paphos

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-mużajk ta' Apollo u Marsyas, fil-Villa ta’ Aion, fis-sit arkeoloġiku ta’ Paphos.

Is-Sit Arkeoloġiku ta’ Paphos, magħruf ukoll bħala l-Park Arkeoloġiku ta’ Kato Pafos, fih il-biċċa l-kbira tal-belt Griega u Rumana antika u importanti ta’ Paphos u jinsab fil-Lbiċ ta’ Ċipru. Is-sit arkeoloġiku tħejja biex ikun aċċessibbli għal żjarat turistiċi fi ħdan is-sezzjoni ta’ Nea Paphos (‘Paphos Ġdida’) tal-belt kostali, għalkemm l-iskavi għadhom għaddejjin.[1]

Is-siti u l-monumenti ta’ Paphos imorru lura għall-Preistorja sal-Medju Evu. Fost l-iktar fdalijiet sinifikanti li ġew skoperti sa issa hemm erba’ vilel Rumani kbar u elaborati: il-Villa ta’ Dijoniżju, il-Villa ta’ Aion, il-Villa ta’ Teżew, u l-Villa ta’ Orfeo.[2] L-erba’ vilel huma pavimentati bil-mużajk li baqa’ ppreservat tajjeb ħafna, speċjalment fil-Villa ta’ Orfeo. Barra minn hekk, mill-iskavi ħarġu agora, asklipieion, bażilika, odeion, teatru Ellenistiku-Ruman, u nekropoli magħrufa bħala “l-Oqbra tar-Rejiet”.[3]

Is-sit arkeoloġiku ta’ Paphos tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[4]

Il-belt ta’ Paphos x’aktarx li nbniet minn Nikokles, l-aħħar re ta’ Paphos, lejn l-aħħar tas-seklu 4 Q.K. Sal-bidu tas-seklu 2 Q.K., il-belt saret il-belt kapitali tal-gżira ta’ Ċipru, u ħadet post Salamis matul l-era Ellenistika taħt il-Tolomej.[5]

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-mużajk tal-Villa ta’ Dijoniżju

Is-sit arkeoloġiku ta’ Paphos ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980 flimkien man-nekropoli u mas-santwarju ta’ Afrodite bħala sit kulturali uniku.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba f’Ċipru kienu jiġu adurati allat pre-Elleniċi min-Neolitiku (is-sitt millenju Q.K.) u bosta mill-fdalijiet arkeoloġiċi huma antiki ferm; pereżempju s-Santwarju ta’ Afrodite jmur lura għas-seklu 12 Q.K., u huwa xhieda ta’ wieħed mill-iktar insedjamenti antiki ta’ Mycenae. Il-mużajk tas-sit arkeoloġiku ta’ Paphos huwa rari ħafna u jitqies fost l-ifjen eżemplari fid-dinja u jkopri l-perjodu Ellenistiku sal-perjodu Biżantin. Il-fdalijiet arkeoloġiċi u arkitettoniċi tal-vilel, tal-palazzi, tal-fortizzi u tal-oqbra mnaqqxa fil-blat ta’ Paphos huma uħud mill-imfietaħ li jgħinuna nifhmu l-arkitettura tal-qedem u għandhom valur storiku eċċezzjonali; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”, ladarba l-importanza reliġjuża u kulturali tal-qima lil Venere, alla lokali tal-fertilità li ġiet rikonoxxuta b’mod mifrux u ċċelebrata bħala simbolu tal-imħabba u tas-sbuħija, tikkontribwixxi għall-valur universali straordinarju tas-sit.[4]

Veduta panoramika tas-sit arkeoloġiku ta’ Paphos

Skavi Pollakki f’Paphos

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kolonni tal-Villa ta’ Teżew

L-ispedizzjoni arkeoloġika miċ-Ċentru Pollakk tal-Arkeoloġija Mediterranja tal-Università ta’ Varsavja bdiet twettaq skavi taħt id-direzzjoni tal-Professur Kazimierz Michałowski f’Ġunju 1965. Fin-naħa tal-Lbiċ tas-sit arkeoloġiku ta’ Paphos instabu statwi tal-irħam ta’ Asklepju u ta’ Artemide (li kien meqjum fil-belt). Skoperta oħra kienet teżor ta’ muniti tal-fidda mir-renji ta’ Filippu III tal-Maċedonja u ta’ Alessandru l-Kbir.[6] Id-diretturi sussegwenti tal-ispedizzjonijiet Pollakki kienu l-Professur Wiktor Andrzej Daszewski (1971-2007) u Dr. Henryk Meyza (2008-2019). It-timijiet tagħhom gradwalment skoprew u kixfu residenza antika enormi (twila 120 metru u wiesgħa 80 metru). Din ingħatat l-isem ta’ Villa ta’ Teżew minħabba li fiha nstab mużajk tal-battalja bejn Teżew u Minotawru. Fl-1983, mużajk kbir ta’ Aion, l-alla tal-ħin u tal-eternità, ġie skopert f’villa li saret magħrufa bħala l-Villa ta’ Aion. L-iskavi jinkludu wkoll l-hekk imsejħa Villa “Ellenistika” u Villa Rumana Bikrija. Minbarra r-riċerka arkeoloġika, l-ispedizzjonijiet wettqu xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni u ta’ konservazzjoni.[5]

L-odeon u l-fanal ta’ Paphos fl-isfond

Fl-2011 ġie varat il-Proġett Paphos Agora minn tim mid-Dipartiment tal-Arkeoloġija Klassika fl-Istitut tal-Arkeoloġija tal-Università Jagellonika ta’ Krakovja, immexxi mill-Professur Ewdoksia Papuci-Władyka. L-objettiv ewlieni tiegħu kien li tinstab l-agora Ellenistika, li presumibbilment kienet moħbija taħt dik Rumana. Fl-2015 bdiet fażi ġdida tal-proġett, bl-għan li jiġi studjat u rikostruwit l-ispazju pubbliku tal-agora kif ukoll l-infrastruttura u l-attività ekonomika ta’ Paphos.[7]

Fis-sena 2020 inbeda proġett konġunt ta’ konsorzju xjentifiku magħmul mill-Università Jagellonika ta’ Krakovja, miċ-Ċentru Pollakk tal-Arkeoloġija Mediterranja tal-Università ta’ Varsavja, u mill-Università tat-Teknoloġika ta’ Varsavja. Il-proġett, imsejjaħ “MA-P Maloutena and Agora in the layout of Paphos: modelling the cityscape of the Hellenistic and Roman capital of Cyprus” (Immappjar ta’ Maloutena u Agora fil-pjanta ta’ Paphos: immudellar tal-pjanta urbana tal-belt kapitali Ellenistika u Rumana ta’ Ċipru), huwa mmexxi mill-Professur Ewdoksia Papuci-Władyka.[5]

Pjanta tal-Villa ta’ Dijoniżju

Villa ta’ Dijoniżju

[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-villa tassew rikka tokkupa 2,000 metru kwadru, li minnhom 556 metru huma miksija b’artijiet bil-mużajk imżejna b’xeni mitoloġiċi, antiki u tal-kaċċa. Il-villa ngħatat l-isem tal-alla Dijoniżju li jidher fuq diversi mużajċi.

Il-kmamar tal-villa nbnew madwar bitħa ċentrali, jew atriju, li kienet tiffunzjona bħala l-qalba tal-villa. Il-villa nbniet lejn l-aħħar tas-seklu 2 W.K. u nqerdet u ġiet abbandunata wara t-terremoti tas-seklu 4 W.K.

Taħt il-villa Rumana nstab mużajk Ellenistiku biċ-ċagħaq, li jirrappreżenta l-mostru mitoloġiku tal-baħar Scylla, minn villa preċedenti tas-seklu 3 Q.K. u jista’ jiġi apprezzat fil-post.[5]

Villa ta’ Aion

[immodifika | immodifika s-sors]
Pjanta tal-Villa ta’ Aion
L-art bil-mużajk tal-Villa ta’ Aion

Minkejja li tlieta biss mill-kmamar ta’ din il-villa kbira ġew skavati mill-Università ta’ Varsavja, l-art bil-mużajk mill-Villa ta’ Aion titqies bħala waħda mill-iktar opri eċċezzjonali tal-arti Rumana antika, jekk mhux l-unika opra ta’ din ix-xorta, u ċertament waħda mill-iktar enigmatiċi u li ġew diskussi b’mod imqanqal mill-istudjużi. Il-villa tmur lura għal madwar nofs is-seklu 4 W.K. u ngħatat l-isem ta’ Villa ta’ Aion minħabba l-mużajk ċentrali tagħha fejn jidher l-alla Aion.

Il-kamra prinċipali x’aktarx li kienet triclinium jew kamra ta’ riċeviment. Żewġ kmamar iżgħar kellhom mużajk ġeometriku mill-aqwa.

Il-mużajk ewlieni fih tliet gwarniċi orizzontali b’ħames panewijiet b’gwarniċ ġeometriku kull wieħed.

Ħajt tal-villa nstab imġarraf fit-triq biswitha u ġie rrestawrat.[5]

Pjanta tal-Villa ta’ Teżew

Villa ta’ Teżew

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-mużajk tal-Villa ta’ Teżew

Din il-villa kbira eċċezzjonali kienet ir-residenza tal-prokonslu jew tal-gvernatur Ruman, u kienet diviża fi kmamar għal funzjonijiet uffiċjali u kmamar għall-użu privat. Il-villa ngħatat l-isem ta’ Villa ta’ Teżew minħabba l-mużajk sabiħ ta’ Teżew u Minotawru fil-kwartier tax-Xlokk. Il-villa kienet tkopri diversi insulae tal-pjanta Ellenistika tat-toroq tal-belt.

Dettall tal-mużajk ġeometriku

Il-villa nbniet fit-tieni nofs tas-seklu 2 W.K. fuq il-fdalijiet ta’ djar jew vilel preċedenti u kienet okkupata sas-seklu 7 W.K. Attwalment, in-nofs tal-villa fin-Nofsinhar biss ġie skavat għalkollox.[2]

Villa ta’ Orfeo

[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-villa tinsab fil-Punent tal-Villa ta’ Teżew. Il-mużajk tas-seklu 3 W.K. fih tliet rappreżentazzjonijiet mitoloġiċi: “Orfeo u l-Lira tiegħu”, “Erkole u l-Iljun ta’ Nemea” u “l-Amażonja”.[3]

It-teatru, li jinsab fiż-żona tal-Grigal tal-belt antika, imur lura oriġinarjament għal tmiem is-seklu 4 Q.K. u qed ilu jiġi skavat mill-Università ta’ Sydney mill-1995.[8][9][10]

  1. ^ Bryant, Sue (13 January 2009). Frommer's Cyprus With Your Family: From the Best Family Beaches to Mountain Villages. John Wiley & Sons. pp. 56–. ISBN 978-0-470-72318-0.
  2. ^ a b "Department of Antiquities - Archaeological Sites". www.mcw.gov.cy. Miġbur 2021-05-19.
  3. ^ a b "Paphos archaeological park at Kato Pafos". web.archive.org. 2014-07-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-07-14. Miġbur 2021-05-19.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Paphos". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-19.
  5. ^ a b ċ d e "Nea Paphos". pcma.uw.edu.pl (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-19.
  6. ^ "Nea Paphos. 50 Years of Polish Excavations 1965–2015 (PDF). Warszawa. 2015" (PDF).
  7. ^ "Home - Paphos Agora Project - Institute of Archeology". paphos-agora.archeo.uj.edu.pl. Miġbur 2021-05-19.
  8. ^ J.R. Green, Cyprus Today, vol. XLV, no. 2, 2007. pp. 2-21.
  9. ^ "Paphos theatre". The University of Sydney (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-19.
  10. ^ "Archaeological History". Paphos Theatre Archaeological Project (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-19.